Tixtieq issir taf dwar snajjiet Maltin u l-esperjenzi tal-artisti li jipprattikawhom? Tixtieq issir taf dwar l-arti u kif oriġinat f'Malta? Tixtieq issir taf iktar dwar l-ikel tradizzjonali Malti u attrazzjonijiet f'Malta? Għalhekk l-appuntament tiegħek mill-Ħadd 3 t' April għandu jkun mal-programm 'Tagħna f'tagħna' fuq TVM fil-17:15. Matul dan il-programm ta' 30 minuta se ssiru tafu dan kollu;

Ta' kull ġimgħa fil-programm se niltaqgħu ma' artist b'talent differenti li  se jitkellem dwar is-snajja' u l-arti li jipprattika.  Matul dawn l-intervisti se nsiru nafu dwar dak li jagħmlu u minn fejn bdiet l-imħabba għal dak li jagħmlu. Fost il-protagonisti li se niltaqgħu magħhom insibu min jaħdem xogħol tal-ġebel, fejn saħansitra jibni kitarri b'dan il-materjal, artisti li joħolqu mudelli b'permezz tal-qxur tal-bajd, ser naraw ukoll kif jinħadem ix-xogħol tal-bronż fuq skala kbira kif ukoll se nidħlu sa l-inqas dettalji li kapaċi joffrulna l-artisti f'xogħol tal-minjatura, ma nistgħux inħallu barra l-varjetà ta' xogholijiet u kreattività f'materjal riċiklat u bosta oħrajn.

F'sezzjoni ohra se naraw kif oriġinat din l-arti fid-dinja kif ukoll kif waslet Malta. Se niltaqgħu wkoll ma' artisti oħra li jipprattikaw l-istess tip ta' arti f'Malta, fejn dawn l-artisti se jaqsmu l-esperjenza tagħhom dwar dan il-qasam fejn wkoll se naraw xogħolhom.

L-ikel tipikament Malti se jkun il-qofol ta' rokna oħra mill-programm fejn se naraw kif isir dan l-ikel u x'jagħmel dan l-ikel, tipiku Malti. Fost l-ikel li se naraw, nistgħu nsemmu' l-ftira Għawdxija, it-tadam mqadded, il-ġbejniet, kif issir il-kunserva u kappar, kif ukoll l-ħobża Maltija.

Ma jistax jonqos il-filmat dwar l-attrazzjonijiet li wieħed isib f'pajjiżna u xi storja nsibu warajhom. F'din is-sezzjoni  se nżuru diversi postijiet fosthom; Bieb il-Bombi fil-Floriana, il-Mużew tal-Gwerra fil-Belt, it-Tejatru Manoel kif ukoll Manoel island.

Bi preżentazzjoni ta' Ryan Darmanin u Jackie Vassallo Bianchi, b'kitba ta' Anthony M. Baldacchino, assistenza tal-produzzjoni Charles Falzon, b'direzzjoni u produzzjoni ta' Sean Aquilina u bl-għajnuna wkoll ta' Michael Mifsud, Nicolai Aquilina, Jesmond Abdilla u Jake Spiteri jasal f'darkom, Taghna f'tagħna.

Għalhekk żommu l-appuntament tagħkom magħna, f' 'Tagħna f'tagħna', kull nhar ta' Ħadd mit-3 ta' April, għal-tlettax -il ġimgħa, fil-17:15 fuq Television Malta. Aġġornamenti regolari fuq is-sit eletroniku tagħna 'www.newproductions.org' kif ukoll fil-grupp tal-facebook 'Tagħna f'tagħna'

- Kitba ta' Carl Farruġia -

 

 

 

 

 

Sean Aquilina - Direttur u Produttur -
Id-diffikultajiet f'ħajti, qatt ma qatawli qalbi, u għalkemm il-fatti juru biċ-ċar li produzzjoni bħal din m'hix faċli sabiex tiġi prodotta, xorta waħda flimkien mat-tijm enerġetiku u entużjast dħalna għaliha bi ħġarna. Tagħna f'tagħna hu l-programm fejn min iħobb l-arti varja kif ukoll jissaportja t-talent kollu lokali, żgur m'għandux jitlef l-appuntament magħna, kull nhar ta' Ħadd fil-17:15. Inħossni ixxurtjat li minkejja l-eta' żagħżugħa, studju u xogħol li naffaċjaw ta' kuljum, xorta żammejna f'moħħna dak li emminna fih mill-bidu nett u pass pass wasalna ukoll għall-ġurnata tant mistennija, dik ta' 3 t'April. Il-fatt li tkun student mhux dejjem hi vantaġġ, speċjalment meta ħafna elementi jinsagħbu kontrik, biss l-ebda torri ma ttella' fi ftit siegħat, b'daqsxejn ta' paċenzja u dedikazzjoni, kulħadd kapaċi jilħaq dak il-livell tant mixtieq. Nixtieq pubblikament nirringrazzja lit-tijm kollu li minkejja li tijm ġdid u ċkejken, xorta wera l-imħabba lejn dan il-qasam kif ukoll l-entużjażmu li proġett bħal dan jasal kif għandu jkun. B'hekk nirringrazzja lill-kollegi tiegħi, kif ukoll lil Nicolai u Jesmond flimkien mal-familjari li mingħajrhom żgur ma nmiddu l-ebda pass. Esperjenza indimentikabbli li ċertament tinkuraġina nwasslu produzzjonjiet oħra l-quddiem.

 

Charles Falzon - Maniġer tal-produzzjoni -
Ferħan li t-team; New Productions aċċetta l-isem tal-programm 'Tagħna f’Tagħna' li kien idea tiegħi, minħabba l-fatt li l-idea prinċiparja kienet li nippromwovu artisti Maltin ta' kull eta' fejn flimkien naqsmu l-esperjenzi u naprezzaw it-talent f'xogħolhom, lokalitajiet Maltin li ngħaddu frekwentament minn ħdejhom u qajla nagħtu kas li qegħdin hemm minkejja l-storja interessanti li jġibu magħhom, u ikel bnien tradizzjonali Malti , b'hekk la darba kollox hu kulturalment Malti, kollox hu tagħna f’tagħna. Esperjenza sabiħa ħafna li tinvolvi ħafna xogħol, sfidi u sagriffiċji, imma meta tara l-prodott finali sewwa sew kif immaġinajtu fil-fażi inizjali, toħroġ kuntent ħafna. Din kienet l-ewwel esperjenza tiegħi bħala production manager u nista' ngħid li ninsab kburi li qiegħed f’tijm tajjeb ħafna, għalkemm jien l-ikbar wieħed, sħabi jimlewni b'enerġija li lkoll flimkien inżommu r-rota 'ddur.

 

Anthony M. Baldacchino - Kittieb -
Dak inhar li l-programm ġie ikkonfermat għal fuq it-televżjoni kont qiegħed funeral ta' persuna li tant issaportjani fit-talent tiegħi f'dan il-qasam, u għalhekk ma nistax ma nsemmiehx; s-surmast tal-iskola sekondarja. Tagħna f’Tagħna għalija hu avventura sħieħa! F’dawn it-tlettax il-ġimgħa ser nistħarrġu dwar arti differenti, kontemporanja... Kieku ma kienx għal dan il-programm, arti ghalija għadha tfisser biss Tpinġija, pero hemm ħafna aktar! Ħaġa oħra li tevolvi matul din l-iskeda, li għalkemm Malta żgħira, xorta waħda it-talent hu enormi u l-artisti lokali huma kapaċi għal kull tip ta' xogħol artistiku li se narawh flimkien fuq Tagħna f’Tagħna! ..

 

Ryan Darmanin - Preżentatur -
Esperjenza li m’jien se ninsija qatt!! Żgur li mhux se tkun l-ewwel u ta’ l-aħħar...
L-ewwel darba li affaċjani Sean, ħsibtha ċajta. Minn dejjem xtaqt nieħu sehem fi programm televiżiv, iżda qatt ma kelli l-kuraġġ nipparteċipa f'auditions. Minn ċkuniti kont involut f'tejatrini għall-palk, iżda il-qabża minn xogħol ta' palk għal dak televiżiv hi waħda kbira. Meta irrejalizzajt li jien se nkun wieħed mill-uċuħ prominenti ta’ dan il-programm, sibtha iżjed diffiċli, iżda grazzi għal ħafna ħbieb f'dal qasam tal-media u s-support tal-familja, nagħmel l-għalmu tiegħi u flimkien mat-tijm żagħżugħ li tant naqblu flimkien, ntellaw xogħol ta' livell li lkoll kuntenti ħafna bih. Xogħol li bih niltaqgħu ma' l-interess tal-udjenza u nelaboraw it-talent Malti li hu tant kbir u vast.

Jackie Vassallo Bianchi - Preżentatriċi -
Wiċċ familjari ma' min isegwi d-drama Maltija, hu dak ta’ l-attrici stabbilita', Jackie Vassallo Bianchi. Din se tkun qed tippreżenta l-programm flimkien ma' Ryan Darmanin.
Il-Programm Tagħna f’tagħna, għalija kienet sfida ġdida, għax din hija l-ewwel esperjenza tiegħi bħala preżentatriċi televiżiva. Is-suġġetti li se jitratta dan il-programm huma suggetti kulturali u edukattivi u għalhekk ninsab komda, appuntu għaliex dawn huma suġġetti ferm għal qalbi.

 

Michael Mifsud - Leħen fis-sezzjoni tal-attrazzjonijiet Maltin -

Niftakar meta avviċinani Charles Falzon biex nagħti sehemi  għal dawn il-features aċċettajt mill-ewwel, l-ewwel net għax jien nieħu gost fejn tidħol id-drama u iżjed u iżjed minħabba l-ġeneru  tas-suġġett. Ħadt gost ukoll li l-produzzjoni kienet se tkun maħduma kollha minn element żagħżugħ. Lil xi wħud mill-produtturi, kont diġa ltqajt magħhom allura stajt inkun ftit aktar komdu meta ġejna biex nibdew x-xogħol. Charles kien jibgħatli l-iscripts b'imejl u nippreparhom billi naqrahom tlieta u anke ġieli erba' darbiet u wara niltaqa' mal-producer biex jibda r-recording. Jien kull meta nieħu sehem f'xi produzzjoni dejjem nitgħallem minn min ikun qed jidderiġi u f'dan il-każ ġara hekk wkoll għax Sean urieni direzzjoni tajba kif għandi nanima dawn l-istess features. 

Għaldaqstant, jien kuntent ħafna għal mod kif sar ix-xogħol fejn kien hemm analiżi dettaljat għal dak kollu li sar f''din il-produzzjoni li jien inqisha waħda professjonali u li għandha tintlaqa' tajjeb ħafna minn dawk li jsegwuha.

 

 

Fotografija ta' Pierre Balzia.